Il-Programm Aqra Miegħi/Read with Me

L-Agenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bi pjaċir tinforma lill-edukaturi u l-ġenituri li l-programm ta’ qari għall-gost għall-familji ta’ trabi u tfal ċkejknin minn 0 sa 3 snin, Aqra Miegħi/Read with Me issa qiegħed isir f’bosta nħawi ta’ Malta u Għawdex.
Fis-sessjonijiet ta’ Aqra Miegħi/Read with Me il-ġenituri/kuraturi u wliedhom jisimgħu storja tinqara minn animatriċi filwaqt li jkantaw, jiżfnu u jagħmlu attivitajiet oħra divertenti marbuta mal-istorja rrakkontata. Il-programm isir kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, f’ħinijiet differenti tal-ġurnata u tul il-ġimgħa kollha, minbarra nhar ta’ Ħadd. L-iskeda tiġi aġġornata f’tarf kull ġimgħa u l-informazzjoni tittella’ fil-paġna tal-Facebook Aqra Miegħi/Read with Me.
Aqra Miegħi/Read with Me qiegħed isir mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi sħab mal-entità Libreriji Maltin u bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Biex tirriserva post ċempel 2598 2990 jew ibgħat ittra elettronika lil aqra.storja@ilearn.edu.mt.
F’Għawdex il-programm qiegħed isir:
Għajnsielem, l-Għarb, l-Għasri, il-Munxar, in-Nadur, il-Qala, ir-Rabat, San Lawrenz, Ta’ Kerċem, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.